Tuesday, May 9, 2017

San Ġorġ Preca

9 ta' Mejju
San Ġorġ Preca



Dun Ġorġ twieled fil-Belt Valletta, nhar it-12 ta' Frar 1880. Irċieva trobbija nisranija mingħand il-ġenituri tiegħu. L-istudji tiegħu għamilhom fil-Liċeo u fis-Seminarju. Kien ta' saħħa fraġli, tant li meta kien djaknu marad serjament u t-tabib tiegħu ma kellu ebda fiduċja li jfiq.Iżda bl-interċessjoni ta' San Ġużepp, fieq u ordna saċerdot fit-22 ta' Diċembru 1906. Sa minn qabel ma sar qassis, Dun Ġorġ intebaħ li l-poplu ta' Alla kien jinħtieġ min jgħallmu. Beda jikteb regola bil-Latin bil-ħsieb li jibgħata lill-Papa San Piju X biex iwaqqaf soċjetà ta' djakni permanenti ħalli jgħinu lill-isqfijiet fil-formazzjoni nisranija bit-tagħlim.

Is-Soċjetà ratil-bidu tagħha fl-ewwel xhur ta' l-1907, fil-Ħamrun, f'post fqir minn kollox iżda għani fl-imħabba ta' l-aħwa u t-tagħlim. Is-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija hi magħrufa l-aktar bil-motto tagħha, M.U.S.E.U.M. -- Magister Utinam Sequatur Evangelium Universus Mundus: Mgħallem, mhux li kien li d-dinja kollha timxi wara l-Evanġelju! Mhux kulħadd fehem mill-ewwel x'ried jagħmel Dun Ġorġ. Kien hemm min fehemu ħażin. Il-Bibbja u t-teoloġija f'idejn lajċi ħaddiema kienet ħaġa ġdida. U kienet wisq aktar ġdida li dawn il-lajċi joħorġu fit-toroq u l-pjazez ixandru l-Kelma ta' Alla lil kulħadd. Wara 25 sena l-Isqof ta' Malta approva r-Regola u s-Soċjetà ta' Dun Ġorġ.Dan il-ħsieb kellu jseħħ xorta oħra. Dun Ġorġ beda jifforma hu stess grupp ta' żagħżagħ biex ikunu kapaċi jgħallmu lill-oħrajn. Xeħet attenzjoni speċjali fuq daqsxejn ta' żagħżugħ jaħdem it-Tarzna, is-Serv t'Alla Ewġenju 'Ġeġè' Borg, u kien jieħdu għalih waħdu biex jgħallmu u jfissirlu l-ħajja ta' Ġesù Kristu skond l-Evanġelju ta' San Ġwann. Ġeġè kellu jkun l-ewwel Superjur Ġenerali tas-Soċjetà ta' Dun Ġorġ.

Id-Djar għat-tagħlim nisrani bdew jiftħu waħda wara l-oħra fil-parroċċi. Inħass il-bżonn kbir ta' l-edukazzjoni reliġjuża tal-poplu għax il-ħajja nisranija tal-kotra kienet mibnija fuq is-sagramenti u d-devozzjonijiet bla ma kien hemm għeruq sodi fit-tagħlim tal-Knisja. It-tfal bdew jigu kuljum fid-Djar ta' Dun Ġorġ għax hemm sabu nies dedikati li jgħinuhom jikbru, mhux biss fil-ħinijiet tat-tagħlim iżda wkoll waqt il-logħob.
Sa mill-bidu nett, Dun Ġorġ obbliga lill-katekisti ċelibi tal-Għaqda tiegħu li kuljum, wara li jkunu temmew jgħallmu liż-żgħar u lill-kbar, jiltaqgħu flimkien għal siegħa ta' formazzjoni. Ma qagħadx lura milli jgħallem bil-kitba. Minkejja l-kwistjoni li kien hawn f'Malta bejn it-Taljan u l-Ingliż, Dun Ġorġ għallem u kiteb bil-Malti, il-lingwa tal-poplu, biex żgur kulħadd jifhem. Il-publikazzjonijiet tiegħu, bejn kotba u fuljetti, ilaħħqu mal-150.
It-talb tiegħu, li minnu waslilna ħafna u fuq bosta suġġetti, jikxef li Dun Ġorġ kien ruh mistika mehdija tfittex lil Alla biss. Mhux ta' b'xejn li kien konfessur imfittex ħafna għall-pariri, u jidher li Alla saħansitra nqeda bih biex ta l-fejqan lil xi uħud.
Il-Kawża tal-Beatifikazzjoni tiegħu, ġiet mibdija fl-1975 u fid-9 ta' Mejju 2001 Dun Ġorġ kien iddikjarat Beatu mil-Papa Ġwanni Pawlu II fil-Quddiesa tal-Beatifikazzjoni fuq il-Fosos Tal-Furjana, Malta. Nitolbu lil Alla bl-interċessjoni tal-Beatu Dun Ġorġ.Dun Ġorġ miet f'Santa Venera, fejn qatta' l-aħħar xhur ta' ħajtu, fis-26 ta' Lulju 1962. Il-fdal tiegħu jinsab midfun fil-kappella tad-Dar Ġenerali tas-Soċjetà fil-Blata l-Bajda.
Dun Ġorġ ġie ddikkjarat qaddis nhar il-Ħadd 3 ta' Ġunju, 2007 mill-Papa Benedittu XVI fil-Pjazza tal-Vatikan

Monday, May 8, 2017

8 ta' Mejju
Madonna ta' Pompei



O Sultana Kbira tal-Paċi, O Verġni Mbierka Sultana tas-Sema u ta' l-art, għall-Isem Tiegħek jifirħu l-anġli u l-qaddisin u jitriegħed l-ispirtu tal-ħażen; O Sultana Mbierka tar-Rużarju Mqaddes, Inti għażiltna fost uliedek biex tixtered id-devozzjoni lejk minn Pompei; aħna ninxteħtu quddiemek f'dan il-jum ta' festa. F'dan il-jum bdew ir-rebħiet tiegħek fuq listess art li qabel kienet mimlija b'tempji pagani; bid-dmugħ f'għajnejna nistqarrulek li nħobbuk: aħna foqra nafdaw fik. 

O Marija, dawwar lejna dawk l-għajnejn tiegħek tal-ħniena, lejn il-familji tagħna, lejn pajjiżna u lejn id-dinja kollha; ħares lejn il-Knisja; ikollok ħniena minna fiddwejjaq tagħna u fin-niket ta' ħajjitna. 

Ommna Marija, itlob għalina quddiem Ibnek, u irbaħ lejk bil-ħniena l-qlub talmidinbin. Huma ħutna għeżież. huma uliedek; għalihom ukoll Ġesu' xerred demmu; qegħdin inikktulek il-qalb tiegħek bla tebgħa. Urina li inti s-Sultana talpaċi u l-Omm tal-ħniena. 

Sliem għalik, Marija. Nistqarru, 

O Marija, li aħna wliedek, qegħdin insallbu f'qalbna lil Ibnek Ġesu' bi dnubietna u ninfdu lil qalbek bis-sejf ta' dnubna. Nistqarru wkoll li aħna jistħoqqilna l-kastig. Iżda ftakar, O Marija, li fuq lqajt laħħar xewqat tiegħu x'ħin kien qiehħed imut li bihom għażlek biex tkun Ommna, Omm il-midimbin. 

O Omm l-aktar twajba, ikollok ħniena minna, minn ruħna, mill-familja tagħna, minn qrabatna, mill-mejtin tagħna, mill-egħdewwa tagħna, minn ħafna li għalkemm isejħu lilhom infushom insara, qegħdin joffendu l-Qalb Imqaddsa ta' Ibnek. Nitolbuk ħenn għall-ġnus li tbegħdu mit-triq it-tajba, għall-Ewropa u għaddinja kollha biex terġa' lura niedma lejn Qalbek. Ikollok ħniena minn kulħadd, Omm tal-ħniena. Sliem għalik, Marija. 

O Marija, jistħoqqilna illi tidħol għalina Ġesu' poġġa f'idejk il-kobor tal-grazzji kollha tiegħu u tal-ħniena tiegħu. Marija nkurunata, inti illi qiegħda fuq il-lemin ta' Ibnek u ssaltan ma' Ibnek fuq is-smewwiet kollha; lilek l-art kollha u l-ħolqien kollu jqimu. Inti illi bil-grazzja tista' tgħinna. U jekk inti ma jistħoqqilniex il- ħarsien tiegħek, il-qalb tiegħek ta' Omm ma tħallix illi tara 'l uliedha mitlufa. Il-Bambin Ġesu' illi naraw fuq ħoġrok u l-Kuruna tar-Rużarju illi naraw f'idejk jimlewna bil-fiduċja. U aħna nafdaw ruħna kollha fik; nintelqu fi ħdanek bħalma jagħmlu t-tfal dgħajfa int illi int l-aktar ħelwa y għalhekk nistennew ħerqana lgrazzji tiegħek. Ammen 

O Regina nitolbuk l-aħħar grazzja illi int f’din il-ġurnata l-aktar solenni ma ticħadilniex. Agħti lilna lkoll l-imħabba tiegħek li ma tispicca qat u b’mod specjali l-barka ta’ Omm. Aħna mhux se nitilquk sakemm tberikna. Bierek, 

O Marija, f’dan il-mument ilQdusija tiegħu l-Papa. Mar-rebħiet kbar tar-Rużarju agħti r-rebħa lir-Reliġjon u lir-reliġjużi u l-paci lis-soċjetà’. Bierek lill-Isqfijiet tagħna, lill-qassisin. Bierek ukoll lil dawk kollha li jħeġġu d-devozzjoni lejn ir-Rużarju Mqaddes. 

O Rużarju Mqaddes ta’ marija, katina ħelwa li tgħaqqadna ma’ Alla, rabta ta’ mħabba li tgħaqqadna ma’ l-Anġli. Torri ta’ Salvazzjoni minn kull ħażen. Port żgur fit-taqlib ta’ ħajjitna u għalik nerfgħu l-aħħar bewsa ta’ mħabba tagħna. U l-aħħar caqliq ta’ xoftejna jkun it-tifħir ta’ ismek, O Reġina tar-Rużarju ta’ Pompei, O Ommna kollok imħabba, O Omm tal-ħniena u faraġ ta’ l-imnikktin. Infaħħruk għal dejjem. Ammen.